Illejla fil-Parlament se jkun qed jittieħed il-vot li se jiddetermina jekk jidħlux fis-seħħ l-emendi fil-liġi ta’ żwieġ ugwali.
L-Abbozz intitolat Att tal-2017 jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet se jkun qed ikompli jibni fuq il-kisbiet li diġà għamel il-Gvern Laburista permezz ta’ liġijiet bħal dik tal-unjoni ċivili, il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru u dik kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni.
Dan l-abbozz se jkun qed ineħħi il-varji referenzi għar-‘raġel’ u l-‘mara’ fil-liġi u jissostitwixxihom bil-kelma ‘konjuġi’ u jikkjarifika li ż-żwieġ ċivili mhux limitat għall-koppji eterosesswali.
Ma’ dan, l-Abbozz jagħti l-possibilità lil aktar minn 200 koppja li daħlu f’unjoni ċivili li jekk jixtiequ jistgħu jikkonvertu l-unjoni ċivili tagħhom fi żwieġ. Xi ħaġa oħra li qed tagħmel din il-proposta hi li temenda l-formuli legali relatati maż-żwieġ, ċertifikati tat-twelid u dokumenti oħra sabiex ikunu rikonoxxuti koppji u ġenituri tal-istess sess.
Ladarba dan l-abbozz ta’ liġi jidħol fis-seħħ, tajjeb li wieħed jinnota li kull rit reliġjuż taż-żwieġ mhux se jkun mittiefes u filwaqt li dawk ir-reliġjonijiet li jridu jiċċelebraw żwieġ ta’ koppji tal-istess sess se jkunu jistgħu, dawk li ma jridux se jiġu protetti kontra kwalunkwe kawżi ta’ diskriminazzjoni.
L-Abbozz mhuwiex wieħed li jikkonċerna biss lill-koppji tal-istess sess u l-komunità LGBTIQ. Permezz ta’ din il-proposta l-Gvern se jkun qed jimmodernizza aspetti tal-liġi taż-żwieġ li sal-lum għadhom tradizzjonali. Fost dawn hemm il-bidla fir-reġim tal-kunjomijiet li kienet tħabbret nhar it-8 ta’ Marzu, il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa.
Permezz ta’ bidliet fil-liġi taż-żwieġ u fil-Kodiċi Ċivili, Malta se tkun qed timxi ’l bogħod mill-ordni patrijarkali tal-kunjomijiet li għandna fil-preżent, fejn huwa r-raġel li jgħaddi kunjomu lill-familja, u minflok din l-għażla tal-kunjomijiet se tibda titħalla f’idejn il-koppja.
Dan ifisser li issa raġel se jkun jista’ jieħu kunjom martu jew iżidu ma’ tiegħu, u l-koppja se tkun tista’ tagħżel liema jkun il-kunjom li jgħaddi għand l-ulied.
Finalment, aspett innovattiv ieħor se jseħħ permezz tal-introduzzjoni ta’ ċelebranti sekulari sabiex jiċċelebraw iż-żwieġ, bħal pereżempju ċelebranti umanisti jew oħrajn ta’ ebda reliġjon partikolari.
Illejla, fuq ONE HD tista’ ssegwi programm speċjali propju dwar il-vot li se jittieħed fil-Parlament Malti. Vot li se jkun qed iwassal għal aktar drittijiet għall-komunità LGBTIQ.