Illejla jissokta l-programm ‘Brillanti Singers’, bi preżentazzjoni u produzzjoni ta’ Joseph Chetcuti, hekk kif tittella’ l-ewwel semifinali. Fi programm ieħor mimli emozzjonijiet, xi ħadd mill-14-il semifinalist se jara l-avventura tiegħu tieqaf s’hawnhekk.
Tkellimna ma’ Joseph Chetcuti, li spjegalna l-perkors ta’ din is-semifinali.
“Tħabbru l-14-il semifinalista ta’ ‘Brillanti Singers 2025’ u llejla xi ħadd minnhom se jinqala’. Iva, din hi l-ewwel semifinali, semifinali ħelwa ħafna, għax dawn l-14-il semifinalista akkoppjajnihom u, għalhekk, għandna seba’ dwetti u dik hi l-isfida tal-lejla. Xi ħadd minnhom se jippakkja u jmur id-dar. Żgur li ħa naraw ħafna talent u emozzjonijiet.”
Hu żied iħabbar li, għal din il-ġimgħa, se tkun qed tingħaqad mat-tim ta’ ġurija ta’ ‘Brillanti Singers’, kantanta popolari Taljana.
“Greta Manuzzi, li hi kantanta popolari ħafna l-Italja. Ġiet it-tieni fis-serje ta’ Maria De Filippi, ‘Amici’, it-tieni f’‘Sanremo’, kantat ma’ kantanti famużi ħafna, bħal Orietta Berti, Sagnesci, Massimo Ranieri, Gianna Nannini, Fedez, kollha kantanti bravi li kantaw ma’ din il-membru tal-ġurija li hi verament umana, imma tgħidha kif taħsibha. Greta Manuzzi tingħaqad mat-tim ta’ ‘Brillanti Singers’ illejla.”