Illejla fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri se jressaq mozzjoni biex jibda l-ewwel qari dwar l-att il-ġdid dwar il-gaming. Dan ħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u c-Chairman tal-Awtorità Maltija għal-Logħob Joseph Cuschieri.
Silvio Schembri spjega li l-liġi ġdida hija riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika li saret is-sena li għaddiet. Qal li l-liġi l-ġdida qed tpoġġi l-qasam tal-gaming taħt att wieħed u hija mibnija fuq tlett prinċipji fundamentali , Effiċjenza, Relevanza u Sostenibilità. Spjega kif bl-Att il-ġdid l-Awtorità se ssibha iktar faċli biex taddatta għal bidliet li jġib miegħu id-dinamiżmu ta’ din l-industrija bħall-impatt li qed tħalli t-teknoloġija.
Għal iżjed effiċjenza, se jkun hemm biss żewġ liċenzji, B2B (Business to Business) u B2C ( Business to Consumer.) Iżjed minn hekk l-att il-ġdid se jsostni u jsaħħaħ il-ħidma tal-Awtorità meta tieħu azzjoni f’każijiet ta’ riskju ta’ ħasil ta’ flus u attivitajiet irregolari. Dan anke fl-isfond li pajjiżna daħħal fis-seħħ Direttivi Ewropej li jindirizzaw l-isfida tal-ħasil tal-flus. L-Att il-ġdid joħloq bilanċ san bejn id-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi. Filfatt , bl-Att il-ġdid l-Awtorità se tkun f’pożizzjoni li tipproteġi lill-konsumatur aħjar u dan għaliex se jippermettielha li tidħol fil-fond mill-bidu ta’ xi attività li tista’ tidher riskjuża u se sseħħeħ il- vuċi tal-operatur. Filfatt l-operatur se jkun jista’ jagħmel rikors f’appelli diretti fejn neċessarju kif ukoll għall-ewwel darba operaturi tal-gaming iridu jinfurmaw lill-Awtorità fuq attivitajiet suspettużi b’rabta ma’ imħatri biex ikunu miġġielda attivitajiet illegali u ta’ korruzzjoni f’kompetizzjonijiet sportivi.
Ic-Chairman tal-Awtorità għal-Logħob Joseph Cuschieri stqarr li l-pass li ħa l-Gvern Malti huwa mportanti għall-industrija. Żied li l-att se jsaħħaħ il-pont eżistenti bejn ir-regolatur u l-qasam tal-gaming fl-istess waqt li se jgħin l-istess Awtorità biex tadatta aħjar għal żvilluppi teknoloġiċi ġodda b’mod li tilqa’ għall-isfidi li fil-futur iġibu magħhom, ‘A future proof gaming regulation’ qal Cuschieri li żied li bl-att il-ġdid l-Awtorità se ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra ħasil tal-flus u tingħata protezzjoni aħjar lil konsumatur. ‘Att li jirrifletti s-serjetà u l-kredibilità ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni ewlenija f’dan is-settur’ qal Cuschieri.