Il-Ħadd filgħaxija f’Malta se tasal l-ewwel kunsinja tal-vaċċin ta’ Moderna għal kontra l-Coronavirus.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’attività politika l-Ħadd filgħodu fill-Mellieħa, fejn saħaq li dan se jkompli jżid mas-suċċess li kiseb pajjiżna fil-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta hija l-ewwel fl-Ewropa li kisbet dan il-vaċċin ta’ Moderna.
Qal kif, “Jien illum nista’ ngħidilkom li b’aħbar tajba oħra, illejla tasal l-ewwel kunsinja tal-vaċċin tal-Moderna, l-ewwel wieħed fl-Ewropa.”
Huwa semma wkoll kif pajjiżi oħra qed iħarsu lejn Malta bħala pajjiż li miexi tajjeb fil-pandemija, tant li kien hemm pajjiż li talab lil Malta għall-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru kien ċar ukoll meta tkellem dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur.
Spjega, “Ħa nagħmel parentesi żgħira ħalli min jivvinta l-istejjer naqtgħulu l-għatx bil-perżut, il-PM u jien dejjem fuq l-istess paġna nkunu f’din il-biċċa xogħol u fl-affarijiet l-oħrajn kollha.”
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li Gvern Laburista huwa tim magħqud, u huwa jitkellem sa tliet darbiet kuljum mal-Prim Ministru biex flimkien jaħdmu u jieħdu d-deċiżjonijiet fl-aqwa interess tal-pajjiż.