Bħalissa għaddejjin il-preparamenti biex nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru tiftaħ il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li tagħlaq l-għada s-Sibt 19 ta’ Novembru.
F’dawk il-jumejn se ssir l-elezzjoni li fiha d-delegati Laburisti se jivvutaw għall-ħatra ta’ tnax-il membru ordinarju fl-Eżekuttiv Nazzjonali.
Dawk kollha rreġistrati u eliġibbli biex jivvotaw huma mħeġġin jagħmlu dan fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fiċ-Ċentru Laburista ir-Rabat Għawdex.
Intant illum għalqet ir-reġistrazzjoni għal min hu eliġibbli biex jivvota fil-votazzjoni bikrija, li se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej, il-11 ta’ Novembru. Dawn jinkludu li, fid-19 ta’ Novembru se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar.
ONE News tkellem ta’ Maria Sara Vella, ic-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista.
Qalet, “Għal dawn l-elezzjonijiet il-votazzjoni se tkun qed issir nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru bejn is-sitta u d-disgħa għal min applika għall-advanced voting kif ukoll wara l-ftuħ tal-konferenza ġenerali, li tagħlaq fid-disgħa ta’ filgħaxija. Wara, imbagħad, is-Sibt, se jkollna l-votazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun bejn id-9 u s-siegħa ta’ waranofsinhar u r-Rabat Għawdex bejn id-disgħa u nofsinhar. Il-votazzjoni wara li tagħlaq se jkun hemm l-għadd tal-voti u nħeġġeġ lil min hu eliġibbli biex jivvota biex jipparteċipa għal dan il-proċess u jġib miegħu il-karta tal-identità jew mezz ta’ identifikazzjoni uffiċjali.”
Il-konferenza Ġenerali se tilħaq il-qofol tagħha nhar is-Sibt, 19 ta’ Novembru bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.