Illejla f’Ahoy Arena f’Rotterdam isir it-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest fejn sbatax-il pajjiż jikkompeti għall-aħħar għaxar postijiet fil-finali.
Il-pajjiżi li se jikkompetu llejla huma San Marino, l-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Awstrija, il-Polonja, il-Moldova, l-Iżlanda, is-Serbja, il-Ġorġja, l-Albanija, il-Portugall, il-Bulgarija, il-Finlandja, il-Latvja, l-Iżvizzera u d-Danimarka.
Fost il-pajjiżi kwotati ferm li llejla jistgħu jgħaddu hemm l-Iżvizzera, il-Bulgarija u San Marino, b’tal-aħħar, il-kantanta Senhit se tkun akkumpanjata mir-rapper Amerikan Flo Rida.
Membru mill-grupp Iżlandiż, li qed jipparteċipa fil-Eurovision, ħareġ pożittiv għall-Covid-19.
B’hekk il-grupp Iżlandiż mhux se jkun jista’ jieħu sehem waqt it-tieni semifinali.
Minflok se tidher verżjoni rrekordjata ta’ preżentazzjoni tal-kanzunetta.
Il-Ħadd li għadda membru fid-delegazzjoni irriżulta pożittiv għall-Covid-19 u riżultat t’hekk id-delegazzjoni Maltija, inkluż Destiny ma setgħetx tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Eurovision.
Dan għaliex id-delegazzjoni Maltija qed tgħix fl-istess lukanda ta’ fejn qed toqgħod id-delegazzjoni tal-Iżlanda.
Id-delegazzjoni Maltija għamlet test għall-Covid-19 u kulħadd kien irriżulta fin-negattiv.
Wara r-riżultat tal-lejla jsir magħruf ukoll f’liema pożizzjoni se tkun qed tkanta Destiny fil-finali hekk kif għada jkomplu l-impenji għad-delegazzjoni Maltija b’żewġ provi uffiċjali tal-finali tal-Eurovision Song Contest.