Illejla se ssir l-elezzjoni għall-kariga ta’ president tal-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku (ASA Malta). L-għażla se tkun bejn il-president attwali Joe Caruana Curran u l-kowċ tat-team nazzjonali malti tal-waterpolo Karl Izzo. L-elezzjoni se ssir waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-ASA.
Fil-ġimgħat li għaddew iż-żewġ kandidati ippreżentaw il-pjan ta’ ħidma tagħhom.
Joe Caruana Curran qed jimmira li jikseb il-fiduċja għall-aħħar terminu tiegħu bħala president tal-ASA. Huwa ilu f’din il-kariga 12-il sena. Caruana Curran qal li se jkun qed jaħdem sabiex iżid mas-suċċessi li kiseb l-isport akwatiku f’dawn l-aħħar snin. Progress li jinkludi wkoll iż-żieda ta’ ta’ plejers u għawiema reġistrati mal-klabbs lokali.
Huwa jixtieq ikompli jaħdem spalla ma’ spalla mal-klabbs sabiex ikomplu jiżdiedu l-livell u l-opportunitajiet għall-atleti tagħna, b’mod speċjali fil-livell taż-żgħażagħ.
Waħda mill-miri prinċipali se tkun ukoll dik li jitjieb is-settur amministrattiv tal-ASA.
Min-naħa tiegħu il-kowċ tat-team nazzjonali malti tal-waterpolo Kark Izzo ippreżenta pjan li huwa bbażat fuq ħames pilastri ewlenien: pjan strateġiku ta’ ħames snin għall-isport akwatiku kollu, stabilita’ finanzjarja, bosta programmi edukattivi għall-atleti u kowċies lokali, kompetizzjonijiet aktar attraenti u tisħieħ tal-isport akwatiku f’Għawdex.
Izzo qal li jrid joħroġ dejjem aktar il-potenzjal tal-isport akwatiku kollu kemm hu fejn apparti l-waterpolo u l-għawm irid jagħti spinta lill-għawm sinkronizzat u l-Open Water Swimming.
Grazzi għall-kuntatti li għandu ma’ barra huwa determinat li jagħti opportunitajiet ġodda lill-plejers u atleti tagħna. Issa li se jkollna żewġ pixxini ġodda, waħda fil-Kottonera u l-oħra f’Għawdex, se jaħdem biex iġib f’pajjiżna kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell.
Apparti l-elezzjoni ta’ president se ssir ukoll dik għall-viċi president fejn il-kandidati huma Carlo Mifsud u Randoph Cauchi.