Illejla se tkun qed tittella’ t-tieni semifinali tal-programm esklussiv ta’ ONE, Malta’s Ultimate Tattoo Challenge, b’kompetizzjoni bejn żewġ artisti bi stili differenti – Luke Mercieca u Matthew Zahra.
L-isfida prinċipali tagħhom illejla hi li Luke se jkun qed ipinġi fuq id-DJ J Joy, filwaqt li Zahra se jkun qiegħed ipinġi fuq Kayley Jo minn Vibe FM.
Ir-rebbieħ tal-lejla se jikkompeti fil-finali kontra Federica Pitzalis, li rebħet l-ewwel semifinali l-ġimgħa li għaddiet.
Il-finali se tkun qed tixxandar ukoll b’mod esklussiv fuq dan l-istazzjon is-Sibt 30 ta’ Marzu.
Iż-żewġ artisti fis-semifinali tal-lejla kellhom avventura eċċezzjonali tul is-sensiela u saħansitra kienu fl-istess tim fil-bidu.
Huma taw ir-reazzjoni tagħhom għal din l-isfida l-ġdida.
“Li wasalt sa semifinali hu diġà unur għalija. Ilni naħdem ħafna biex nasal fejn wasalt hawn sal-lum.”
Luke Mercieca – Semifinalist
“Kif għażlitni Kayley u rajt id-design, inzerta mhu xejn l-istil tiegħi, għax micro realism u fih naqra xogħol u jien inpinġi aktar cartoons u hekk u allura imma naf li ħa mmur tajjeb żgur.”
Matthew Zahra – Semifinalist
Din it-tieni semifinali tal-Malta’s Ultimate Tattoo Challenge se tkun qed tixxandar fuq ONE illejla mid-disgħa u kwart ta’ filgħaxija ’l quddiem.