Hekk kif bħalissa għaddejjin fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għall-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat, liema festa tiġi ċċelebrata nhar l-Erbgħa, il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu qed iħejju għal ħarqa mal-mużikali fl-aħħar tat-Tridu.
‘Flames Across the Bridge – 2nd Edition’ se tkun qed toffri spettaklu pirotekniku, b’ħarqa tradizzjonali ta’ murtali, li tibda fit-8:15 p.m. u se tikkonsisti f’beraq pront, murtali tal-beraq ikkulurit u bil-logħob, murtali tal-beraq biċ-ċentru, murtali tal-kulur, kif ukoll sfejjer u blalen.
Minbarra hekk, waqt l-isparar ta’ madwar 2,000 tir imqabbda ma’ sistema kompjuterizzata, se jiġu inklużi effetti li qatt ma dehru fir-Rabat.

Wieħed jista’ jgawdi din il-ħarqa mill-belvedere rinnovat riċentament tal-Għeriexem.
Il-programm tal-festa jitkompla matul il-jumejn li ġejjin, b’aktar dettalji wieħed jinkisbu minn fuq il-mezzi soċjali tal-għaqdiet Ġużeppini tar-Rabat.