L-għaqda tan-nar Marija Bambina se taħraq sensiela ta’ nar tal-arju f’ġieħ il-festa Marija Bambina.
Bħal snin preċidenti il-qofol tal-ispettaklu jintlaħaq it-tnejn u t-tlieta filgħaxija.
Ftit sigħat qabel dan l-ispettaklu, iltqajna mas-Segretarju tal-Għaqda tan-nar Marija Bambina Trevor Vella, fejn stajna nsegwu l-aħħar preparament u tkellem miegħu dwar x’se jinkludi dan l-ispettaklu.
Huwa spjegalna: “Se jkun hemm blalen ta’ qisien differenti. Hemm id-disinji. Hemm il-blalen kbar. Hemm il-qsim tal-beraq, bebbux, beraq idur, imsomma varjetà sħiħa. Stuppini, single shots, zbroffi. Taħlita ta’ nar li aħna mdorrijin naraw f’festi oħrajn.”
B’differenza mis-snin preċidenti dan l-ispettaklu se jkun qed isir b’mod li jista jitgawda minn diversi postijiet ġewwa u madwar il-Mellieħa sabiex jiġu evitati l-folol.
Il-President tal-Għaqda tan-nar Marija Bambina spjega kif dan l-ispettaklu sar possibli bis-sapport li l-għaqda sabet minn nies u n-negozji tal-lokal.
Is-Sur Caruana spjega: “sibna appoġġ kbir mil-poplu Mellieħi u min-nies tal-kummerċ li wasalna biex fi żmien qasir nagħmlu dak li għandna llejla, għada u dak li kellna lbieraħ.”
Dan l-ispettaklu se jixxandar direttament ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook tal-għaqda tan-Nar Marija Bambina.