ll-korsiji kollha tal-Marsa-Hamrun Bypass fid-direzzjoni mill-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel lejn il-Marsa u Ħal Qormi ser ikunu magħluqin illejla, it-Tnejn l-1 ta’ Ottubru, bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija (19:00) u l-ħamsa ta’ għada filgħodu (05:00), sabiex jitlesta t-tqegħid ta’ wiċċ ġdid għal din it-triq.
Is-Sibt li għadda, Infrastructure Malta għamlet l-ewwel minn żewġ kisjiet finali lil din il-karreġġjata tal-Marsa-Hamrun Bypass, li twessgħet u nbniet mill-ġdid permezz ta’ proġett ta’ €5 miljuni li beda aktar kmieni din is-sena. Is-saff finali ta’ asfalt kellu jsir it-Tlieta 2 ta’ Ottubru, iżda minflok ser isir illejla sabiex jiġi skansat il-maltemp imbassar għal aktar tard din il-ġimgħa.
Minħabba dawn ix-xogħlijiet, il-mina ta’ taħt ir-roundabout tal-Università u l-mina ta’ Santa Venera li jgħaqqdu l-Pont tal-Kappara ma’ Triq Reġjonali u mal-Marsa-Ħamrun Bypass, fid-direzzjoni tal-Marsa, ser ikunu magħluqa mis-sebgħa ta’ filgħaxija (19:00) wkoll.
Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-pont tal-Kappara ser ikunu ggwidati jitilgħu lejn ir-roundabout tal-Università u jgħaddu mill-Imsida u Triq Diċembru 13, il-Marsa. Dawk li jkunu ġejjin minn Triq Salvu Psaila, Birkirkara, lejn Triq Reġjonali, jistgħu jgħaddu minn Santa Venera u l-Ħamrun, filwaqt li dawk li jkunu għaddejjin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż mill-Mrieħel Bypass, ser jiġu mdawra lejn Ħal Qormi u Ħal Luqa.Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jevita r-rotta lejn in-nofsinhar tal-pajjiż bejn il-pont tal-Kappara, Triq Reġjonali u l-Marsa-Hamrun Bypass, billi juża rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa.
Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta ser ikunu fl-inħawi matul il-lejl sabiex jgħinu lil dawk li jkunu f’diffikultà. Is-servizz ta’ rmonk t’emerġenza ta’ Transport Malta f’każ li xi vettura tieqaf f’dawn l-inħawi jew fir-rotot alternattivi ser ikun disponibbli wkoll. Jekk ikun meħtieġ, dan is-servizz jista’ jintalab b’telefonata fuq il-linja t’emerġenza 8007 3399.
Ix-xogħol tal-lejla jinkludi t-tqegħid tal-aħħar saff ta’ asfalt biex jitlesta l-wiċċ ġdid tal-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Masra-Hamrun Bypass, bejn il-mini ta’ Santa Venera u l-pont ta’ bejn il-Marsa u Ħal Qormi. Aktar minn 1,500 tunnellata ta’ asfalt ser jintużaw għal dawn ix-xogħlijiet. Mal-2,400 tunnellata oħra kienu meħtieġa s-Sibt li għadda, meta sar is-saff ta’ qabel tal-aħħar.
Xogħlijiet simili sabiex titlesta wkoll il-karreġġjata tat-tramuntana, fid-direzzjoni opposta, ser isiru aktar tard ix-xahar id-dieħel, bejn is-Sibt 13 u l-Erbgħa 17 ta’ Ottubru.
Permezz ta’ proġett ta’ €5 miljun li beda aktar kmieni din is-sena, il-Marsa-Ħamrun Bypass twessa għal sitt korsiji sabiex titjieb l-effiċjenza u s-sigurtà tal-konessjonijiet u toroq oħra li jingħaqdu ma’ din it-triq, filwaqt li jingħelbu għadd ta’ diffikultajiet li kienu qed itawlu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minn din ir-rotta bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż. Dan l-investiment qed inaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar f’din it-triq b’42 fil-mija, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja hekk kif jonqsu wkoll l-emissjonijiet ikkawżati mill-konġestjoni tat-traffiku.
Il-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass, li jista’ jiġi konfinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, kien ippjanat li jitlesta f’April li ġej. Madankollu, il-korsiji ġodda u dawk mibnija mill-ġdid ta’ din l-arterja nfetħu għall-pubbliku f’Settembru. Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti l-proġett dan ix-xahar, xhur qabel oriġinarjament skedat.