Illum se jsir pellegrinaġġ nazzjonali għall-paċi fid-dinja li se jitmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
F’dan il-pellegrinaġġ fil-Belt li se joħroġ mill-Knisja ta’ Ġieżu, se jinħarġu l-Kurċifiss Mirakoluż ta’ Ta’ Ġieżu u l-Istatwa tad-Duluri.
Dan il-Kuriċifiss meqjum b’tant qima u devozzjoni ġeneralment jinħareġ f’ċirkostanzi straordinarji.
Patri Ramon Farrugia, il-Gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu, qal li kienet xewqa tal-Arċisqof li dan il-kurċifiss jinħareġ f’pellegrinaġġ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Dan il-kurċifiss mirakoluż mal-milja ta’ żmien ġibed ammont ta’ devoti lejh.
Hekk mistenni jerġa’ jiġri llejla f’dan il-pellegrinaġġ li ser jibda fis-sitta ta’ filgħaxija u li se jserrep mit-toroq tal-Belt fil-ġimgħa li fiha se nfakkru l-mewt u l-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.