Il-partitarji u attivisti Nazzjonalisti li jappoġġjaw lil Adrian Delia qed jiġu msejħa biex illum waranofsinhar jinġabru l-Belt barra l-Parlament biex juru l-appoġġ lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Messaġġi li bdew jiċċirkolaw fost numru ta’ tesserati qed jingħada biex mal-3:45pm, ikunu barra l-Parlament biex jistennew il-Kap għas-seduta parlamentari li tibda fl-4pm.
“Kif jasal il-Kap faqqgħu ċapċipa ħa nuru lil min riedu jisfiduċjaw deputati li huma tradituri tal-partit”, kien jaqra messaġġ minnhom li mhux għadda biss bil-whatsapp jew sms biss iżda anki bil-fomm fil-każini Nazzjonalisti.
Fil-fatt dalgħodu każini fejn hemm kumitati sezzjonali ta’ Delia bdew jintużaw biex itellgħu n-nies il-Belt f’dik deskritta bħala “show of force” għall-Kap Nazzjonalista.
Messaġġ ieħor kien jgħid, “Ejjew flimkien nuru l-appoġġ lil Kap tagħna Adrian Delia dieħel il-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni”.