Mil-lejla, is-sewwieqa ser jibdew jużaw żewġ slip roads ġodda li nbnew għall-Proġett tal-Kappara, hekk kif ix-xogħol fuq in-naħa tal-pixxina huwa prattikament lest. Il-karozzi li ġejjin min-naħa ta’ San Ġiljan lejn ir-roundabout tal-Universita’, ser jibdew jgħaddu mill-islip roads il-ġodda, minflok l-arranġament temporanju li kien qed jintuża, u se jerġa’ jkollhom aċċess għal Triq Tas-Sliema mill-ġdid.
Il-ħaddiema taw l-ewwel saff t’asfalt u żebgħu linji tat-traffiku temporanji f’dawn is-slip roads. Eventwalment ser jagħtu żewġ saffi t’asfalt oħra meta l-proġett ikun wasal fl-aħħar.
Matul dawn l-aħħar xahrejn, il-ħaddiema naddfu ż-żona tal-lvant, bnew ħitan għall-ilqugħ biex titwessa’ it-triq, installaw servizzi ġodda u bnew żewġ slip roads. Ix-xogħlijiet issa ser jikkonċentraw fuq il-parti tan-nofs tal-proġett fejn ser jinbena l-pont. Il-kuntrattur ser jibni l-aħħar mill-kolonni tal-pont, se jġib u jpoġġi t-travi tal-ħadid li nbnew fi Spanja u jifforma t-triq fuq il-flyover.
Bħala miżura ta’ sigurta’, wara s-siegħa ta’ waranofsinhar, il-karozzi li ġejjin minn San Ġiljan, ser jgħaddu minn Triq Reggie Miller sakemm l-arranġamenti ġodda tat-traffiku jiġu implimentati.
Is-sewwieqa huma mitluba jsegwu l-istruzzjonijiet fuq is-sit. Iż-żona tibqa’ sit tal-kostruzzjoni. Il-limitu tal-veloċitá huwa ta’ 30Km fis-siegħa.