Illejla l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia se jerġa’ jlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wara li ġie sfiduċjat mill-istess eżekuttiv il-ġimgħa l-oħra.
Fl-aġenda tal-laqgħa li waslet għand il-madwar tmenin membru tal-eżekuttiv ġimgħa qabel hemm għad-diskussjoni l-qagħda politika fil-Partit Nazzjonalista u azzjoni konkreta, b’din tal-aħħar qed tixgħel bozoz ħomor hekk kif tista’ tfisser tkeċċija jew azzjonijiet ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ dawk li sfiduċjaw lil Delia.
Delia ressaq punti sabiex tittieħed azzjoni konkreta għall-kriżi li ħakmet lill-partit f’tal-Pietà iżda baqa’ ma qalx x’azzjonijiet se jittieħdu anki jekk nhar il-Ħadd qal li wasal iż-żmien għad-deċiżjonijiet u dawn se jeħodhom fil-jiem li ġejjin.
Nifhmu li l-ewwel li se jlaqqtuha huma dawk tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, l-MŻPN.
Fil-fatt is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech ikkonferma li dawn iż-żgħażagħ tal-MŻPN se jidhru quddiem Kummissjoni għall-Etika u d-Dixxiplina.
Dan wara li anki naqqsu milli jirtiraw filmat fi stil ta’ kampanja elettorali kontra Delia.
B’rabta ma’ dawn l-iżviluppi, membri fiż-żewġ fazzjonijiet tkellmu favur dawn iż-żgħażagħ u oħrajn kontra.
Fost oħrajn, id-deputati li sfiduċjaw lil Delia ħarġu stqarrija jattakkaw lil Delia u jgħidulu li qed joħnoq l-opinjoni taż-żgħażagħ tal-MŻPN.
Intant il-laqgħa tal-eżekuttiv tal-lejla mistennija tkun waħda taħraq u b’ħafna battibekki fl-isfond li lbieraħ wara nofsinhar, laqgħa tal-grupp parlamentari ntemmet f’temp ta’ ħames minuti wara li deputati li sfiduċjaw lil Delia qamu u telqu ‘l barra.
Il-membri parlamentari leali lejn l-eks Kap Simon Busuttil u issa jappoġġjaw lil Therese Comodini Cachia telqu ‘l barra bi protesta hekk kif riedu jisimgħu m’għand il-Kap x’se tkun it-triq ‘il quddiem wara li ġie sfiduċjat tliet darbiet f’ġimgħa.
F’kummenti li tat lil midja tal-Knisja fuq l-għatba tal-istamperija hekk kif ħarġet mil-laqgħa ma’ Ryan Callus, Therese Comodini Cachia qalet li trid tiddiskuti t-triq ‘il quddiem għal Partit Nazzjonalista, billi Delia ma jibqax Kap.
F’botta diretta lejn Adrian Delia, dik li trid issir Kap tal-Oppożizzjoni qalet ukoll li l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli.