Illejla, fis-6pm se titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista ġewwa t-teatru Rialtò f’Bormla fejn ser jitkellem il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Id-delegati tal-Konferenza Ġenerali se jiġu mitluba biex japprovaw emenda fl-istatut dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Ftit tal-jiem ilu, bi qbil unanimu, l-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Laburista iddeċieda fuq proposta mressqa mill-amministrazzjoni, li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit timtela’ minn persuna li ma tkunx Membru Parlamentari.
Min jokkupa din il-kariga, mhux se jitħalla joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sa sentejn wara li jkun spiċċa mill-istess kariga.
L-Erbgħa filgħaxija id-delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista involvew ruħhom f’workshops fejn ġiet diskussa din l-emenda.
Wara li tintemm il-Konferenza Ġenerali li se tkun imxandra b’mod dirett fuq ONE, ONE News se jkun qed jagħti servizz estensiv fuq id-diskors tal-Prim Ministru fil-bullettin tal-aħbarijiet u llejla fit-8:30pm se jkun hemm ukoll diskussjoni dwar dan, fl-ewwel edizzjoni tal-programm ta’ ġrajjiet kurrenti, 360.