F’dawn ix-xhur sajfin is-smewwiet u l-imsieraħ tagħna jerġgħu jiddawlu bil-logħob tan-nar. Logħob li joffri spettaklu ta’ lwien u sinkronizzar mal-mużika. Madankollu s-Sibt fis-Siġġiewi l-logħob pirotekniku se joffri mhux biss spettaklu ta’ kuluri iżda wkoll melodjuż. Dan b’raddiena armata b’madwar 2,500 suffarell li se ddoqq għal sitt minuti b’tisfir sinkronizzat u intonat mal-mużika.
ONE NEWS żar il-kamra tan-nar tal-Għaqda tan-Nar San Nikola tas-Siġġiewi, fejn hemmhekk tkellimna ma’ Brian Borg, il-moħħ wara din r-raddiena ġdida li se tinħaraq lejlet il-Festa.
Borg żewweġ imħabbtu lejn il-mużika mal-imħabba lejn ix-xogħol tan-nar. Din l-idea wasslet sabiex is-sena l-oħra saret għall-ewwel darba fid-dinja, raddiena bis-sufarelli li jinħarqu kollha b’intonazzjoni mal-mużika.
Qalilna li r-raddiena ta’ din is-sena se tkun ikbar u toffri spettaklu iżjed elaborat.
“Is-sena l-oħra għamilna mal-400 suffara intonata, kien proġett li rnexxa u din is-sena ir-raddiena se jkollha madwar mitejn, elfejn u ħames mija.”
Nick Spiteri, li għandu l-liċenzja tal-kamra tan-nar stqarr li kien biss permezz tax-xogħol tal-għaqda li l-idea setgħet issir realtà.
Spjega li l-ewwel ma jsir hu li jipprovaw sfafar differenti u wara jintonawhom mal-mużika skont it-tul tal-iskartoċċ. Dan filwaqt li r-raddiena fiha wkoll għadd ta’ effetti pirotekniċi ġodda.
“ Millimetru fl-għoli, differenza fl-għoli tal-iskartoċċ ikun ifisser li inti toħroġ minn dik in-nota li tkun trid u tidħol ġo nota oħra. Jiġifieri għandek dik it-tip ta’ preċiżjoni. Apparti minn hekk, meta s-sistema taħraq dawn is-sfafar wara xulxin tkun qiegħda taħraq anke bi preċiżjoni li sekonda tkun maqsuma f’mija.”
Saħaq li din id-darba l-ispettaklu ta’ nar tal-art se jkun fih tlett itwapet tan-nar u spettaklu taż-żfin minn grupp minn Moska apposta qabel il-Gran Finale tat-tapit il-kbir.
“ Nispiċċaw naħarqu l-kaxxa tal-kulur ftit qabel ma’ tidħol l-istatwa ġewwa l-knisja, l-arċipriet ġentilment jistenniena ħalli aħna naslu lura mill-għalqa u San Nikola jidħol, aħna nkunu preżenti waqt li San Nikola jidħol ġewwa l-knisja.”
Biex b’hekk għalkemm ikunu għaddew l-gimgħa tal-festa fl-għalqa minn fejn jaħarqu l-murtali huma wkoll ikunu jistgħu igawdu l-aħħar ftit minuti tal-ġimgħa, u flimkien ma’ qrabthom iroddu ħajr lil San Nikola talli tkun għaddiet festa oħra b’wiċċ il-ġid!