Illejla Malta se tkun qed tagħżel ir-rappreżentant jew rappreżentatriċi għall-Eurovision Song Contest ta’ Mejju li ġej.
Ir-rebbieħ tal-final ta’ Xfactor Malta tal-lejla li se jsir f’Ta’ Qali se jkun qed ixejjer il-bandiera Maltija f’Tel Aviv.
Illejla mhux se tintagħżel il-kanzunetta li se tkun qed tikkompetti l-artist jew artista li se tmur għall-Eurovision.
Din se tkun qed titħabbar aktar ‘il quddiem.
Malta se tkun qed tieħu sehem fil-Eurovision f’waħda miż-żewġ semi-finali tal-14 jew 16 ta’ Mejju.
Il-polza f’liema semi-finali Malta se tikkompeti se tkun qed issir nhar it-Tnejn li ġej.
Biex tgħaddi għall-finali tal-Eurovision li jmiss, Malta trid tikseb wieħed mill-ewwel għaxar postijiet.
L-aħħar darba li Malta għaddiet għas-serata finali tal-Eurovision Song Contest kien tliet snin ilu permezz ta’ Ira Losco u l-kanzunetta tagħha Walk on Water.