Illejla, fit-tieni serata tas-semifinali tal-Eurovision Song Contest, il-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici se titla’ fuq il-palk grandjuż f’Malmo l-Iżvezja, quddiem eluf ta’ spettaturi u segwita fuq it-televiżjoni minn miljuni madwar id-dinja biex tinterpreta l-kanzunetta tagħha ‘Loop’.
Sarah Bonnici, f’isem Malta, se tkanta l-ewwel waħda minn sittax-il kanzunetta oħra li se jieħdu sehem f’din is-serata.
B’kollox iridu jgħaddu għaxar kanzunetti, b’sitta minnhom mhumiex se jagħmluha għall-finali tas-Sibt li ġej filgħaxija.
Fost il-pajjiżi, li se jikkompetu ma’ Malta llejla, hemm l-Albanija, il-Greċja, l-Iżvizzera, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Armenja, il-Latvja, San Marino, Georgia, il-Belġju, l-Estonja, Iżrael, in-Norveġja u l-Olanda.
It-tim ta’ ONE jawgura lil Sarah Bonnici l-aqwa suċċess.