Illejla l-Gvern se jkun qed iressaq il-Budget għas-sena d-dieħla.
F’seduta speċjali parlamentari li tibda fis-sitta ta’ filgħaxija bil-mistoqsijiet parlamentari, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jkun qed jagħmel id-diskors tal-Budget li fih hu mistenni jħabbar il-miżuri tal-Gvern għas-sena d-dieħla.
Fil-proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u maċ-ċittadin, il-Gvern kien ġa ħabbar li f’dan il-budget se jerġa’ jagħti żieda lill-pensjonanti.
L-istazzjonijiet ONE se jkunu qed jagħtu servizz estensiv tal-Budget kemm fuq it-televiżjoni u r-radju billi anki jxandru d-diskors tal-Budget mill-Parlament.
Fuq it-televiżjoni, programm speċjali se jibda fil-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, bi programm ippreżentat minn Paula Cauchi.
Fil-programm se jkun hemm diversi kollegamenti diretti mal-Belt mal-ġurnalisti ta’ ONE News fejn jibdew jagħtu l-aħħar żviluppi tal-andament fejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, li minnha jitħabbar il-Budget.
Se jkollna wkoll rapport tal-preżentazzjoni tal-Budget mill-Ministru għall-Finanzi akkumpanjat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, lill-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Imbagħad kemm fuq ir-radju u t-televiżjoni se tkunu tistgħu ssegwu d-diskors tal-Budget mis-sitta u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Wara se jkun qed isegwi bulletin tal-aħbarijiet ta’ ONE News fejn minn ħin għall-ieħor, ONE News jingħaqad b’mod dirett ma’ pjazza Kastilja minn fejn tixxandar b’mod dirett konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela.
Wara l-għeluq ta’ ONE News, ikompli l-programm speċjali b’analiżi tal-Budget u nsegwu r-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali fost oħrajn.
One.com.mt se jaġġorna lill-qarrejja b’dak kollu li jkun qed jitħabbar, b’servizzi interattivi anki fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali.