Illejla jinżel is-separju fuq il-futbol Ewropew bil-finali tal-akbar kompetizzjoni Ewropeja l-UEFA Champions League, loghab li ser tlaqqa’ liż-żewġ timijiet Ingliżi ta’ Tottenham u Liverpool, logħba li ser tintlagħab f’Estadio Metropolitano f’Madrid f’Spanja.
L-ebda tim mhu qed jitqies bħala favorit li jirbaħ il-kompetizzjoni hekk kif kemm Tottenham kif ukoll Liverpool kellhom staġun mill-aqwa minkejja li Liverpool tilfu l-kampjonat għal punt wieħed biss filwaqt li Tottenham spiċċaw ir-raba’ u għalhekk staġun ieħor żgur ser jerġgħu jilagħbu f’din l-akbar kompetizzjoni. Matul dan l-istaġun ż-żewġ timijiet affaċjaw lil xulxin f’żewġ okkażjonijiet fejn kellna rebħa fuq kull naħa.
Biex waslu sal-finali ż-żewġ timijiet kellhom jegħlbu l-qawwa ta’ Ajax u Barcelona f’logħbiet li żgur ser jibqgħu mnaqxa fl-storja tal-kompetizzjoni wara rimonti mill-isbaħ miż-żewġ timijiet.
Għal Tottenham din ser tkun l-ewwel darba li ser jilagħbu fil-finali tal-UEFA Champions League filwaqt li Liverpool diga rebħu din il-kompetizzjoni xejn anqas minn 5 darbiet.
Il-formazzjoni probabli għat-tim immexxi minn Maurizio Pochetino hija din:-
Lloris; Trippier, Alderweireld, Vertonghen, Rose; Winks, Sissoko; Lucas Moura, Eriksen, Alli; Son
Jurgen Klopp, il-manager ta’ Liverpool aktarx jibda b’din il-formazzjoni:-
Alisson; Alexander-Arnold, Gomez, Van Dijk, Robertson; Fabinho, Henderson, Wijnaldum; Salah, Firmino, Mané
Il-finali ser tkun ikkontrollata mir-referee Sloven Damir Skomina.
Tottenham kontra Liverpool illejla fil-21.00