F’Liverpool ilejla jissokta l-finali tal-Eurovision Song Contest.
26 parteċipant minn 37 pajjiż se jagħtu l-mija fil-mija tagħhom fuq il-palk ta’ Liverpool Arena fil-finali ta’ dan il-konkors segwit minn 160 miljun ruħ minn madwar id-dinja.
Is-26 parteċipant jikkonsistu fl-10 pajjiżi li kkwalifikaw fis-semifinali tal-Ħamis, l-10 mis-semifinali tat-Tlieta, l-Ukrajna li rebħu l-konkors is-sena li għaddiet u l-Big Five – Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit.
Il-favoriti li jerbħu din l-edizzjoni huma l-Isvezja u l-Finlandja, li se jkantaw fl-ewwel nofs tas-serata tal-lejla.
L-ispettaklu se jkun qed jirrifletti l-kultura kemm tal-Ingilterra – il-pajjiż li qed jospità dan il-konkors – kif ukoll tal-Ukrajna li din is-sena ma setgħatx ttella’ l-Eurovision Song Contest f’pajjiża minħabba l-gwerra.
Kalush Orchestra, ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet bid-diska Stefania, se jkunu qed jiftħu dan il-festival fit-tmienja ta’ filgħaxija ħin tal-Ingilterra.
L-ewwel pajjiż li se jiftaħ is-serata se jkun l-Awstrija filwaqt li r-Renju Unit se jagħlaq il-finali.
Ir-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni se jintgħażel b’taħlita ta’ voti ta’ ġurija minn kull pajjiż finalist kif ukoll bil-vot tal-pubbliku.
Għall-ewwel darba fl-istorja se jkunu jistgħu jivvutaw in-nies minn barra l-Ewropa wkoll permezz ta’ app li nħolqot apposta.
Intant, il-festival spiċċa f’nofs kontroversja minħabba li l-European Broadcasting Union, l-EBU ċaħad it-talba tal-President Ukren Volodymr Zelensky sabiex jindirizza l-finali tal-Eurovision Song Contest, li se jsir għada f’Liverpool.
Fi stqarrija l-EBU saħqet fuq l-importanza li dan l-avveniment segwit minn miljuni ta’ nies, ma jispiċċax avveniment politiku.