Il-ħin wasal. Illejla Malta se tkun qed terġa’ titla’ fuq il-palk spettakolari tal-Eurovision Song Contest.
F’nofs spettaklu internazzjonali, taħt id-dwal ta’ Basel fl-Iżvizzera, Miriana Conte se tagħti l-prestazzjoni ta’ ħajjitha, waqt li aħna lkoll inħarsu lejha b’tama u emozzjoni.
Bil-kanzunetta ‘Serving’, li diġà kisbet attenzjoni u popolarità kbira internazzjonalment, Miriana se tipprova timpressjona kemm lill-ġurija kif ukoll lill-miljuni ta’ spettaturi madwar l-Ewropa f’din it-tieni semifinali.
B’vuċi b’saħħitha u preżenza dominanti fuq il-palk, Miriana hi fost il-favoriti li jgħaddu għall-fażi finali, għan li Malta ilha tistenna għal tliet snin sħaħ.
L-aħħar darba li l-bandiera Maltija kienet fil-finali kien fl-2021 meta l-kantanta Destiny ħalliet marka qawwija bil-kanzunetta ‘Je Me Casse’.
Iżda minn dak iż-żmien ’l hawn, il-palk tal-finali tal-Eurovision baqa’ nieqes mill-ħoss u l-ħeġġa ta’ artisti Maltin.
Dan il-lejla jista’ jinbidel.
Biex iżżid mal-intensità, Malta qed tiffaċċja kompetizzjoni ta’ livell għoli, b’pajjiżi bħal Iżrael, l-Awstrija u l-Finlandja, li qegħdin jidhru bħala ġganti mużikali f’din il-fażi.
Il-kanzunetta ta’ Malta se tkun id-disa’ waħda fil-lista, fost is-16 parteċipanti fis-serata, li minnhom għaxra biss se jagħmluha għall-finali tas-Sibt li ġej mid-9:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Il-mistoqsija hi waħda, Malta se jirnexxielha tgħaddi?
Inkunu nafu illejla.
Awguri Miriana!
Awguri Malta!