Illelja fuq ONE ikompli l-programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, ‘Brillanti’.
Il-ġimgħa li għaddiet, ‘Brillanti’ qanqal l-interess ta’ ħafna nies minħabba l-iżgħar parteċipant f’din is-sensiela. Dan huwa Raphael, Għawdxi ta’ tlettax -il sena, li jdoqq il-kitarra. Fil-programm li għadda, sfortunatament ma impressjonax biżejjed lill-ġurija, però fl-aħħar għarfu t-talent kbir tiegħu u għaddewh għall-fażi li jmiss.
Dan spjegah Joseph Chetcuti, il-preżentatur ta’ ‘Brillanti’, li tenna li l-għan tal-programm huwa li jiġbed l-interess tan-nies u b’hekk jaraw it-talent kbir li għandhom il-mużiċisti Maltin u Għawdxin.
“Dak li aħna rridu nagħmlu bi ‘Brillanti’ huwa li nagħtu pjattaforma ħalli ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mużiċisti jsiru jafuhom u japprezzawhom. U Raphael huwa l-eżempju perfett ta’ dan. Malta u Għawdex illum taf bit-talent kbir ta’ Raphael u ħa taraw, ma nistax nikxef ħafna, imma ħa taraw anke fil-programmi li ġejjin kemm il-ġurija u kemm ‘Brillanti’ apprezzat it-talent ta’ Raphael u anka żgħażagħ bħal Raphael.”
Chetcuti spjegalna li llejla, ir-raba’ programm ta’ ‘Brillanti’ se jkun mimli emozzjonijiet u li kull min iħobb il-mużika għandu jsegwi dan il-programm fit-8:30 ta’ filgħaxija fuq ONE.
“Il-Maltin u l-Għawdxin saru jafu mhux biss il-kant imma anka l-mużiċisti. Aħna għandna nkunu kburin bihom għax it-talent li għandna fil-gżejjer tagħna huwa inkredibbli, u dan ħa narawh kollu fi ‘Brillanti’. Illejla ħafna aktar, żgur, emozzjonijiet. Inwiegħdkom programm mill-isbaħ, programm brillanti.”