Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia ħabbar li llejla se jressaq private member’s bill fuq l-età tal-kunsens mediku.
Fuq One News Breakfast spjega li se jingħata kunsens lil dawk ta’ sittax jew sbatax-il sena jmorru għand it-tabib tal-għażla tagħhom u affarijiet dwar is-saħħa tagħhom ifittxuhom mingħajr il-kunsens tal-ġenituri. Persuna jrid ikollu l-kapaċità li qed jifhem is-sitwazzjoni. Irid ikun qed ifittex l-għajnuna medika volontarjament u waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni jrid ikun informat sew mit-tabib.
Spjega li bħalissa, diġà hemm ċirkostanzi fejn jekk xi ħadd imur il-GU clinic fl-Isptar Mater Dei, it-tabib jara lil pazjent li jkollu 16 jew 17-il sena mingħajr kunsens tal-ġenituri.
“Issa se ngħinu aktar liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni lejn l-età adulta” spjega Farrugia, filwaqt li qal li anke professjonisti fil-qasam mediku se jkunu aktar imħarsa.