Illejla fit-teatru Ariston jitla’ s-siparju tal-festival prestiġjuż Sanremo.
Is-69 edizzjoni ta’ dan il-festival Taljan se jara 24 parteċipant u wieħed minnhom se jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest f’Tel Aviv.
Għal kuntrarju ta’ dak li ġara fl-aħħar snin, din is-sena ma hemmx parteċipanti ġodda li se jieħdu sehem fil-festival iżda hemm żewġ artisti li rnexxielhom jaslu fil-finali b’kompetizzjoni li ġiet ikkordinata minn Luca Barbarossa u Andrea Perroni.
L-24 parteċipant mhux se jiġu eliminati tul l-5 serati li hemm pjanati.
Fost l-artisti fil-kompetizzjoni hemm Il Volo, Arisa, Anna Tatangelo, Francesco Renga, Loredana Bertè, Nek, Patty Pravo u Simone Cristicchi.
Fost il-favoriti li qed jissemmew hemm il-kantant żagħżugħ Ultimo u Irama.
Il-preżentaturi għal dan il-festival huma Claudio Baglioni, Claudio Bisio u Virginia Raffaele.
Baglioni, li huwa wkoll direttur artisitiku ta’ Sanremo għat-tieni sena konsekuttiva saħaq li din is-sena mhux jara li għandu jkun hemm kontroversji.
Madankollu dan il-festival huwa magħruf kemm huwa kkulurit u kif il-kontroversji ma jonqsux.
Il-festival ta’ Sanremo huwa meqjus bħala missier il-Eurovision Song Contest għaliex minn dan il-festival Taljan nibet il-Eurovision li beda fl-Isvizzera fl-1956.