Illejla tiftaħ edizzjoni oħra tal-Logħob Olimpiku. Fil-fatt, fis-7:30 tibda ċ-ċerimonja tal-ftuħ spettakolari biswit ix-Xmara Seine.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-Olimpjadi li din iċ-ċerimonja tant mistennija mhux se tkun qed issir konfinata f’xi stadium.
L-artisti internazzjonali Lady Gaga u Celine Dion mistennija jkunu l-mistednin speċjali fiċ-ċerimonja biex iżewqu l-bidu ta’ dan l-akbar logħob f’diversi dixxiplini.
Aktar minn 10,500 atleta se jkunu qed jieħdu sehem f’dawn l-Olimpjadi.
Il-kontinġent Malti hu magħmul minn ħames atleti, li huma l-għawwiema Sasha Gatt u Kyle Micallef, it-tiratur Gianluca Chetcuti, l-isprinter Beppe Grillo u l-judoka Katryna Esposito. Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, Sasha Gatt u Gianluca Chetcuti se jkunu qed iġorru l-bandiera ta’ pajjiżna.
L-Olimpjadi jaslu fi tmiemhom fil-11 ta’ Awwissu.