Illejla jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali ieħor tal-Partit Nazzjonalista fl-eqqel tal-kriżi u l-inkwiet intern fil-partit f’tal-Pietà.
Il-membri tal-ogħla oragnu tal-Partit Nazzjonalista qed jiġu mitluba jagħżlu jekk it-tesserati jivvutaw vot ta’ konferma tal-Kap Adrian Delia jew issirx tellieqa oħra għal Kap tal-partit.
Iż-żewġ fazzjonijiet, jiġifieri dik ta’ Delia u ta’ Simon Busuttil qed jimbuttaw għażliet differenti fost il-kunsilliera.
Ilbieraħ dan l-istazzjon irrapporta li kunsilliera Nazzjonalisti li tkellmu magħna bil-kundizzjoni li ma nesponuhomx jew niżvelaw imqar xi ħaġa dwarhom qalu lil ONE News li esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kienu qed iħeġġu lill-kunsilliera biex jivvutaw favur elezzjoni għal Kap.
Fi kliemhom ma felħux aktar għall-intriċċi li qed isiru u semmew fost oħrajn l-eks Segretarju Ġenerali u l-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea.
Is-sorsi tagħna qalulna li Louis Galea qed saħansitra jċempel u jara kif se jikkonvinċi lit-tesserati biex tgħaddi tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Fl-aħħar jiem, dak li tqabbad biex jagħmel is-suppost tiġdid u bidliet fl-istatut tal-partit tal-maduma qal li Delia ma jistax jibqa’ Kap u akkużah li qed jabbuża mil-lealtà tat-tesserati.
Illejla mistenni jindirizza l-Kunsill Ġenerali, il-Kap Adrian Delia li mistenni juża l-ħin biex jattakka lil fazzjoni li qed tipprova teqirdu u jżomm ir-riedni tal-partit tal-maduma f’idejh.
Illejla wkoll tissokta l-votazzjoni fost il-kunsilliera wara li nhar l-Erbgħa, fil-votazzjoni bikrija vutaw erba’ mija u erbgħa u tmenin kunsillier mill-elf, sitt mija u tletin kunsillier li hemm eliġibbli.
Il-votazzjoni tkompli għada wkoll fid-Dar Ċentrali u fil-każin Nazzjonalista ta’ Sannat.
Hu mistenni li r-riżultat ta’ x’għażlu l-kunsilliera Nazzjonalisti joħroġ bejn is-sebgħa u nofs u t-tmienja tas-Sibt filgħaxija.
Dan qalu l-President tal-Kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech li daħal fil-kariga wara li Gejtu Vella rriżenja ftit jiem wara li laħaq.