Ilelja fuq ONE jkompli l-programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, ‘Brillanti’.
Hekk kif dan il-programm wasal fl-aħħar fażi tal-provi, il-membri tal-ġurija professjonali qed ikomplu jiġġudikaw bosta talenti li qed jitressqu quddiemhom f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt.
Il-preżentatur, Joseph Chetcuti, żvela ftit informazzjoni dwar l-iżgħar parteċipant f’din is-sensiela. Dan huwa Raphael, ta’ tlettax -il sena, li jdoqq il-kitarra.
Qal, “Għandna ħafna u ħafna talent f’Malta u Għawdex, u qed ngħid Għawdex illum għax għandna l-istar applikant u jekk nista’ nagħtik naqra hekk, titwila żgħira, jismu Raphael, l-iżgħar wieħed. Għandu 13-il sena, għadu kemm għalaqhom u dan Raphael idoqq il-kitarra, jilgħab bil-kitarra kważi kważi, imma ma nafux hux se jimpressjona lill-ġurija.”
Chetcuti spjegalna li llejla t-tielet programm ta’ ‘Brillanti’ se jkun mimli emozzjonijiet u li kull min iħobb il-mużika għandu jsegwi dan il-programm fit-8:30 ta’ filgħaxija fuq ONE.
Spjega, “Ħa naraw ħafna emozzjonijiet, kif għidtlek. Min jifraħ, min jibki, imma dik hija l-kompetizzjoni, għax wara kollox għaxart elef ewro m’humiex ftit u jeħodhom biss dak li jirbaħ is-sensiela, dak li aħna nistgħu ngħidulu b’wiċċna mill-quddiem: ‘brillanti’.”