L-iskola l-ġdida ppjanata li tinbena ġewwa Pembroke qasmet fuq żewġ naħat l-opinjonijiet ta’ bosta.
Chiswick House School ilha miexja iktar minn sentejn bi pjanijijet sabiex tintroduci kunċett ġdid ta’ tagħlim u esperjenza edukattiva lil ħafna studenti f’din l-iskola f’Pembroke.
Kien spjegat kif il-pjanta tal-bini se tinkludi biss 25% tat-total tal-medda tal-art allokata. Dan f’deċiżjonijiet li ttieħdu wara li ġew eżaminati numru ta’ siti u bini li kienu inklużi u mogħtija timbru ta’ żvilupp.
Tkellimna mal-Kap ta’ l-iskola, Bernie Mizzi, li tenniet li din l-iskola ppjanata se tkun waħda minn tal-ewwel fl-Ewropa li tinkludi sistema innovattiva flimkien ma’ kunċett ta’ klassi miftuħa. Dan kollu sabiex it-tfal ikunu mħeġġa joħolqu interazzjoni mal-ambjent naturali.
Meta mistoqsija fuq ir-reazzjoni tal-komunita’, Mizzi stqarret li dan il-proġett ilu jiġi kkonsultat għal iktar minn sentejn u qed jilqgħu kummenti u suġġerimenti.
Madankollu mhux kulħadd huwa tal-istess opinjoni hekk kif hemm numru kbir ta’ nies li jemmnu li din l-art pubblika mandhiex tintmess.
Fost dawn insibu lis-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, li stqarr magħna li ma jemminx li din l-art għandha tittieħed mill-pubbliku.
Għaldaqstant id-diskussjoni dwar dan il-proġett, tkompli.