Mil-lejla se jibda l-proġett fit-Triq Tal-Barrani fejn se jkunu qed isiru arranġamenti tat-traffiku, b’xogħol infrastrutturali biex titneħħa s-central strip u jinħoloq spazju biex jitpoġġew mejnijiet ġodda tad-drenaġġ.
Dawn ix-xogħlijiet, li se jibdew bejn it-tmienja tal-lejla u l-ħamsa ta’ għada filgħodu, se jinfirxu fuq numru ta’ ljieli. Waqt ix-xogħlijiet, xorta se tinżamm karreġġjata miftuħa f’kull direzzjoni.
Il-proġett f’Tal-Barrani tħabbar fil-bidu ta’ dan ix-xahar mill-aġenzija Infrastructure Malta u għandu l-għan li jtejjeb l-andament tat-traffiku voluminuż li jgħaddi minnha fil-limiti ta’ Ħal Tarxien u ż-Żona Industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun.
Il-pjan hu li jiġu indirizzati l-ħames junctions fl-akwati u tiddaħħal sistema ġdida ta’ dwal tat-traffiku, li jkunu integrati ma’ xulxin, biex l-immaniġġjar tat-traffiku jkun aktar effettiv.