Illejla se jiftaħ il-Parlament wara l-btajjel tal-Milied, fejn se jkompli jitwettqu aktar riformi f’pajjiżna matul din is-sena l-ġdida.
Dwar dan ONE News kellem lill-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield li qal kif l-ewwel liġi li se tkun diskussa hija dik li se tinbidel ir-rappreżentanza parlamentari minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Qal kif l-għan ta’ din il-liġi hija li jkun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi rappreżentati fil-Parlament.
Huwa spjega: “Infatti l-ewwel liġi se tkun dik li se nbiddlu r-rappreżentanza parlamentari minn wara l-elezzjoni illi ġejja biex ikun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi rappreżentati fil-Parlament. Għandna wkoll diversi liġijiet oħrajn illi se jkomplu jdaħħlu aktar riformi, f’din il-legiżlatura li se tibqa’ msemmija, bħala l-perjodu ta’ Gvern Laburista li fih bħala partit, bħala Gvern se nkunu daħħalna u għamilna wkoll u komplejna għamilna riformi illi ebda Gvern ieħor qatt m’għamel.”