Illejla jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara li waqaf għall-btajjel tas-sajf.
Fl-ewwel seduti t-tema tal-edukazzjoni se tkun l-aktar waħda diskussa hekk kif il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo se jressaq tliet abbozzi.
Bla dubju bħal-lum ġimgħa jiġi preżentat il-Budget għall-2020 mill-Gvern.
Dan ifisser li fil-ġimgħat li ġejjin il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-Budget li wara kollox huwa l-programm ta’ ħidma tal-Gvern għas-sena d-dieħla.
Fil-fatt wara li jinqara l-Budget, ikun hemm ir-risposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni ġimgħa wara u r-replika tal-Prim Ministru jum biss wara, il-Parlament jitlaq b’seduti twal fejn jiġu diskussi l-estimi finanzjarji ta’ kull Ministeru.
F’kummenti lil one.com.mt, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Byron Camilleri spjega kif dawn is-seduti tal-estimi jirrikjedu impenn kbir hekk kif f’ġurnata saħansitra jkun hemm tliet seduti parlamentari.
Spjega kif għal Gvern huwa importanti li l-Budget ma jinkitibx biss fuq il-karta iżda anki li jiġi implimentat.