Illejla għall-ħabta tas-6pm se jitressqu ħames persuni l-Qorti akkużati li involontarjament ikkawżaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, żagħżugħ ta’ 20 sena u li kkawżaw grieħi gravi fuq persuni oħra, fost akkużi oħrajn.
Dawn il-persuni se jitressqu l-Qorti wara li nhar il-Ġimgħa waranofsinhar, f’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ngħalqet l-inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Ftit sigħat wara, jiġifieri l-Ġimgħa filgħaxija, il-Pulizija arrestat ħames persuni.
Dawn huma żewġ żvilluppaturi tal-proġett ta’ 37 sena min-Naxxar u ta’ 38 sena li jgħix Birkirkara, żewġ kuntratturi ta’ 38 sena mill-Imsida u ta’ 39 sena mill-Mosta u l-Perit tal-proġett ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija qalet li fl-aħħar sigħat l-investigaturi ġabru biżżejjed evidenza biex jitressqu l-Qorti.
Huma se jitressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Natasha Galea Sciberras.