‘The Five Longest Days’ huwa l-isem ta’ dokumentarju ta’ madwar nofs siegħa, li jittratta l-istorja ta’ Operation Pedestal jew kif inhu ma’ bosta Maltin, il-Konvoj ta’ Santa Marija, li seħħ f’Awwissu tal-elf disa’ mija tnejn u erbgħin.
Dan id-dokumentarju li sar minn Chris Micallef, flimkien ma’ missieru Maurice, juri x’ġara u seħħ, biex idaħħal dan il-famuż konvoj fil-Port il-Kbir u anki wara, bħal-lum tnejn u tmenin sena.
Dan id-dokumentarju se juri fost oħrajn, filmati u ritratti orġinali minn dakinhar ta’ din il-ġrajja storika.
ONE News tkellem ma’ Chris Micallef, li ħadem fuq din il-produzzjoni, fejn qalilna li l-isem ‘Five Longest Days’ huwa mdawwar mal-ħamest ijiem ta’ wara daħal il-Konvoj, meta nħattu l-affarijiet mill-Konvoj ta’ Santa Marija.
F’dawn il-ħamest ijiem kien hemm biżgħa fost il-Maltin, li sakemm jinħattu l-provvisti, kien ikun hemm attakki mill-ajru tal-għadu, li seta’ wasal biex jeqred kollox.
Dan id-dokumentarju se jixxandar f’jum Santa Marija fid-disgħa ta’ filgħaxija fuq ONE.