Illejla, l-ambaxxatriċi Maltija fil-Eurovision Song Contest, Destiny ser tkanta fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni, bil-kanzunetta ‘Je Me Casse’.
Destiny li għandha 18-il sena se tkanta fis-sitt post mis-26 pajjiż li se jieħdu sehem waqt is-serata finali.
Il-kantanta Maltija kisbet post fil-finali, wara li t-Tlieta li għadda Malta kklassifikata mal-ewwel għaxar pajjiżi waqt l-ewwel semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Il-Ġimgħa filgħaxija, Destiny kellha prova oħra, fejn fiha vvutat il-ġurija ta’ kull pajjiż li qed jieħu sehem fil-Eurovision Song Contest.
Ir-riżultat tal-ġurija jgħodd ħamsin fil-mija tal-voti, filwaqt li n-nofs l-ieħor huwa permezz tat-televoting.
Fuq il-midja soċjali, Destiny qalet li fuq il-palk tal-Ahoy Arena se tagħti dak kollu li tista’ u qalet kif il-Eurovision huwa wieħed mir-raġunijiet għaliex hi tħobb tkanta.
Qalet kif mindu kienet żgħira kienet issegwi l-Eurovision u kienet tgħid li xi darba tkun fuq il-palk tal-Eurovision u llum waslet dik il-ġurnata.
Skont l-aħħar żviluppi mid-djar tal-imħatri, l-Italja hija l-favorita netta li tirbaħ il-Eurovision.
Il-grupp Måneskin se jinterpreta l-kanzunetta rock, Zitti e Buoni.
Franza permezz ta’ Barbara Pravi se tikkompeti bil-kanzunetta Voilà.
Malta tinsab eżatt wara dawn iż-żewġ pajjiżi skont id-djar tal-imħatri u bosta kummenti pożittivi minn ġurnalisti li jsegwu l-Eurovision għamlu lil pajjiżna kwotat ferm f’din l-edizzjoni tal-Eurovision.
Illejla s-serata mistennija tkun waħda spettakolari bis-sehem ta’ bosta artisti minn edizzjonijiet passati tal-Eurovision iżda sfortunatament, ir-rebbieħ tal-Eurovision li għadda, Duncan Laurence mhux se jkun preżenti fis-sala.
Dan minħabba li fl-aħħar jiem irriżulta fil-pożittiv għall-Covid-19.
Dan ifisser li xi ħaddieħor, illejla se jgħaddi x-xettru lir-rebbieħ tal-Eurovision.