Il-31 ta’ Diċembru, jum mistenni mill-bosta biex iselmu s-sena u jibdew paġna ġdida fl-ewwel jum tas-sena. Il-maġġoranza ta’ dawn jiċċelebraw dan il-bidu ġdid b’xi grokk u xi kultant jinsew li dak il-grokk jaf ikun il-bidu tat-tmiem.
L-appell ma’ jaqta’ xejn mill-awtoritajiet huwa dak li jekk se tixrob m’għandekx issuq. Is-sigurtá fi triq żdiedet bill-Pulizija jispjegaw li qed isiru aktar testijiet tan-nifs, tista’ tgħid fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata iżda mhux kull persuna tiflaħ għall-istess ammont ta’ xorb u għalhekk wieħed għandu jevita traġedja u jaħseb qabel joħroġ.
L-alkoħol jaffettwa s-sewqan tagħna, hekk kif indumu aktar biex nirreaġġixxu u nħossuna aktar kunfidenti, fost effetti negattivi oħra, li mhux biss jafu jkunu ta’ periklu għalik iżda anke għal nies oħra.
Xi kultant għandna t-tendenza li ninsew dak li traġedji oħra jkunu għalmuna u bħal donna nemmnu li qatt m’hu se jmiss lilna, iżda l-imwiet u traġedji li raw it-toroq tagħna huma xhieda ta’ kemm aħna żbaljati u li nkunu qed inżidu l-periklu għal grokk.
Matul din is-sena, il-bidliet fil-kultura tax-xorb fost il-Maltin u l-esperimentazzjoni ta’ xarbiet alkoħoliċi ġodda nebbħu l-ħolqien ta’ kodiċi ġdida għal min iservi xorb alkoħoliku.
Dawk kollha li jservu xorb alkoħoliku għandhom ikunu jafu l-limitu legali ta’ xorb, l-eta’ legali biex tixrob u prova ta’ dan meta wieħed jiġi biex jixtri xorb alkoħoliku. Huwa mportanti li anke dawn josservaw dan il-kodiċi.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/12/CODEOFPRACTICE.pdf”]
Jekk se tixrob issuqx – Din is-sena l-familjari u l-ħbieb jixtiequ jgawduk.