Fil-jiem li ġejjin fil-Parlament se titressaq għall-ewwel qari liġi fil-Kodiċi Kriminali ta’ Malta biex l-isterilizzazzjoni forzata tiġi pprojbita fi kwalunkwe ċirkostanza.
Dan minħabba l-fatt li din hi operazzjoni serja, b’konsegwenzi permanenti, u li għaliha jeżistu alternattivi li mhumiex permanenti.
Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat li l-kriterju li tuża din il-liġi hu ta’ kunsens liberu u informat. Dan ifisser li l-ebda persuna ma tista’ tiddeċiedi f’isem jew minflok il-persuna li tkun se tiġi suġġetta għal operazzjoni ta’ sterilizzazzjoni.
Fl-istess ħin ukoll il-liġi tistabilixxi li biex il-kunsens ikun informat, persuna trid tkun ingħatat l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-operazzjoni, għalxiex twassal u x’alternattivi hemm għaliha.
Jekk persuna ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tagħti l-kunsens tagħha għall-isterilizzazzjoni – pereżempju, minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità mentali tagħha – mela tali operazzjoni ma tkunx tista’ ssir.
Dan filwaqt li kull sterilizzazzjoni fuq tfal, jiġifieri fuq kull persuna li ma tkunx għalqet it-18-il sena, titqies sterilizzazzjoni forzata permezz ta’ din il-liġi u allura pprojbita.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-konsulent legali mid-Direttorat ghall-Affarijiet dwar id-Dizabilità, Alistair De Gaetano, fejn spjega wkoll kif din il-liġi tagħmel tajjeb għal komunikazzjoni alternattiva, pereżempju traduzzjoni bil-lingwa tas-sinjali għal persuni neqsin mis-smigħ jew materjal f’format ‘Faċli biex Taqra’ għal persuni b’diżabilità intelletwali.
Semma wkoll l-eżenzjonijiet li tipprovdi din il-liġi.
“Jekk ikun hemm neċessità medika, pereżempju, xi ħadd ikun intilef minn sensih u għandu l-bleeding mill-utru, f’dak il-każ ma hemm l-ebda piena kriminali li jkun hemm għall-persuna li tintervjeni mingħajr il-kunsens liberu u informat ta’ persuna.”
Spjega wkoll il-piena li tipprovdi din il-liġi f’każ ta’ ħtija.
“Jekk xi ħadd, mingħajr il-kunsens, jgħaddi biex jisterilizza persuna jew ikun kompliċi fiha jeħel bejn ħames snin sa disa’ snin ħabs kif ukoll multa ta’ bejn €8,000 u €20,000 jekk tgħaddi din il-liġi u f’każ ta’ aggravju, pereżempju, ikun hemm sforzar jew theddid, il-piena ta’ ħabs se tiżdied bi grad.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, spjegat li Malta hi l-11-il pajjiż Ewropew li daħħal din il-liġi.
“Ridna naraw li Malta tkun fuq ta’ quddiem fost il-pajjiżi Ewropej li nibgħatu dan il-messaġġ b’saħħtu. Se nkunu l-ħdax-il pajjiż li nagħmlu dan u se nkunu qed nimbottaw biex is-sittax il-pajjiż l-ieħor iħarsu fuq il-mudell ta’ Malta.”