Mat-tmiem tas-sena skolastika wasal ukoll it-tmiem tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġnien Sigriet, li għal dawn l-aħħar ħames snin kienet qed torganizza l-Fondazzjoni Maltija għall-Ħarsien tas-Soċjetà. Din is-sena, it-tema kienet mezzi sostenibbli ta’ kif wieħed iħares l-ambjent tal-madwar, fejn studenti ta’ bejn is-seba’ u l-għaxar snin minn għaxar skejjel differenti kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-irwol tagħhom fil-ħarsien tal-ambjent.
Lorella Gatt, Uffiċjal mill-Fondazzjoni, spjegat li din it-tema niżlet tajjeb ferm mal-istudenti, hekk kif iċ-ċkejknin parteċipi kienu mgħarrfa sew dwar is-suġġett anke minn qabel id-diskussjonijiet u l-attivitajiet, tant, li ħarġu b’rakkomandazzjonijiet huma dwar x’wieħed jista’ jagħmel biex jintlaħqu l-miri tal-pajjiż għal ħarsien sostenibbli tal-ambjent.
Propju fil-jum li mmarka t-tmiem tas-sena skolastika għall-Ġnien Sigriet, studenti minn tliet kulleġġi differenti ppreżentaw il-proġetti tagħhom, li saru kollha minn materjal riċiklat. Gatt spjegat li wieħed mill-aktar miri li laqat lill-istudenti kien il-baħar u l-protezzjoni tiegħu mill-plastik.
Għall-ewwel darba, il-Fondazzjoni se testendi l-Ġnien Sigriet għal Skolasajf, fejn numru ta’ voluntiera se jduru l-iskejjel tul dan l-istaġun biex joħolqu diskussjonijiet estensivi dwar din l-istess tema.