Sebgħin sena ilu, il-koppja Billiot, li llum huma anzjani żżewġu f’Isle de Jean Charles, gżira f’Louisiana, li llum il-ġurnata ma’ kull minuta li tgħaddi qed tinbela’ mill-baħar.Din il-koppja hija l-aktar koppja li ilha tgħix fuq din il-gżira, tista’ tgħid ħajjithom kollha.
Wencesclaus, spjega li huwa jiftakar din il-gżira bħala waħda mill-isbaħ, iżda spjega li issa tħares fejn tħares tara ilma biss. Huma spjegaw li llum il-gżira hija ta’ periklu, filfatt meta r-raġel li llum għandu 90 sena waqa’ u ħabat rasu u l-iżjed sptar viċin kien aktar minn nofs siegħa ‘l bogħod. Il-koppja spjegaw li ma jixtiequx li jispiċċaw l-ewwel persuni refuġjati minħabba t-tibdil fil-klima.
Mis-sena 1955, tilfet aktar minn 98% tal-massa tal-art biex b’hekk fadal biss 2% ta’ din il-gżira ‘l fuq mill-livell tal-baħar. Dan wara numru ta’ urugani, livell ta’ baħar li dejjem jogħla kawża tat-tibdil fil-klima kif ukoll bil-kostruzzjoni ta’ kanali taż-żejt.
L-aħħar riċerka li saret filfatt turi, li jekk it-tibdil fil-klima se jkompli b’din ir-rata, l-livell tal-baħar huwa mistenni li jiżdied b’madwar metru sal-aħħar ta’ dan is-seklu. Fid-dawl ta’ dan id-dipartiment tad-djar tal-Istati Uniti alloka aktar minn $48 miljun biex il-persuni li jgħixu f’din il-gżira jiġu relokati f’postijiet oħra. Dan ifisser li dawn huma l-ewwel nies li spiċċaw refuġjati minħabba t-tibdil fil-klima.