Il-Milied iġib miegħu numru ta’ tradizzjonijiet sbieħ li jġegħluna nidħlu fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien ta’ Festi.
F’maħżen f’Ħal Tarxien, iltqajna mal-familja Brincat, li ilha għal erba’ ġenerazzjonijiet tiret is-sengħa li taħdem il-bambini.
Spjegawlna li jaħdmu diversi tipi ta’ dekorazzjonijiet ta’ ġewwa. Fil-fatt, għandhom iktar minn ħamsa u għoxrin tip ta’ bambin differenti li jvarjaw fid-daqs, minn ħames ċentimetri sa daqs ta’ tarbija reali.
Il-familja Brincat qalulna li minn ġenerazzjoni għal oħra jaħdmu u jagħmlu restawr fuq figurini tal-Milied, fosthom il-Madonna, San Ġużepp, u l-bambin fil-maxtura.
B’nofs tbissima spjegaw liIl-proċess biex isir figurin jinvolvi ħafna xogħol u ħin għax l-ewwel irid isir mudell maħdum bl-idejn, wara jsiru l-forom ibbażati fuq l-istess mudell, u minn hemm jibda l-proċess biex jinħadem il-figurin li tkun magħmula mill-ġibs tat-trab tal-irħam.
David Brincat spjega li “l-ewwel li nibdew, taħdmu fil-forma. Wara jrid jinxef, imbagħad jibda l-proċess ta’ warajh. Jibdew jitwaħħlu l-għajnejn, l-idejn. Imbagħad imorru għall-aħħar proċess, sprej, u jkun prodott finali.”
F’din ir-raba’ ġenerazzjoni tal-familja li jagħmlu dan ix-xogħol, fil-mument jaħdmu żewġt aħwa u kuġin tagħhom.
David Brincat qal “naħseb li kelli 11-il sena, proprjament qabel, imma mbagħad tibqa’ tikber. Naħseb jien, tkun ġo fik, għax aħna qegħdin ir-raba’ ġenerazzjoni: beda missieri, ziju, kien hemm missierhom ukoll, u l-buzzaniet, jigifieri hemm tul ta’ żmien.”
Bla dubju l-Bambin fil-fisqija mpoġġi fil-maxtura jibqa’ l-figura ċentrali ta’ dan iż-żmien qaddis.
Il-familja Brincat, li daħlet f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali, qalulna lil-prodott Malti, hu x’inhu l-prodott, iħabbatha tajjeb ħafna mal-prodott ta’ pajjiżi oħrajn.