Christine Schembri ilha sena u għaxar xhur Londra flimkien mas-sieħeb tagħha Lawrence Spiteri tistenna trapjant tal-fwied.
Schembri qed tgħix f’appartament ta’ Puttinu f’Sutton, u ma’ dan l-istazzjon qasmet din l-esperjenza diffiċli.
Hija spjegat: “Erba’ snin ilu kont tlajt hawnhekk għal assessment u qaluli li qed nbati minn kundizzjoni rari ħafna. U ġejt listed għat trapjant. Sena u għaxar xhur ilu ġejna hawnhekk nistenna biex jinqala’ xi donatur. Ma kinitx faċli għalina.”
Ma’ ONE News Christine qalet li għaddejja minn tbatija kbira għax qed tistenna trapjant li ma tafx meta ġej.
Imċaħħdin mill-kumplatament tal-familja f’Malta, qalet li bis-sitwazzjoni tal-Coronavirus bħalissa qegħdin jgħaddu ftit mit-tbatija tagħhom ‘il bogħod minn arthom.
Christine sostniet: “Bogħod mill-familjari, mill-ħbieb. Bħalissa kulħadd qed jesperjenza ftit minn dak li għaddejjin minnha. ”
L-imxija tal-Coronavirus kompliet iżżid mal-imrar għal Christine u l-għeżież tagħha hekk kif tinsab maqbuda Londra u ma tistax tiġi ripatrijatha minħabba saħħitha.
Is-sieħeb ta’ Schembri stqarr ma’ dan l-istazzjon: “Waqfulha l-appuntament. Issa ma tistax toħroġ mid-dar f’Londra. Ilna maqfula d-dar żmien. Londra damu ħafna ma ħadu l-prekawzjonijiet.”
Christine temmet tappella lil Maltin sabiex japprezzaw li huma fortunati li qegħdin f’Malta għax s-sitwazzjoni hija ħafna aħjar u għandna servizzi tas-saħħa li qed jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini.
Hija saħqet: “Kemm jista’ jkun nagħmlu kuraġġ. Is-sitwazzjoni li qegħdin fiha, f’Malta m’hemmx għalfejn tgerger.”