Carmen Seychell ilha tgħix bil-marda ta’ Parkinson għal dawn l-aħħar 14-il sena. Mhi ħajja faċli xejn.
Il-marda ta’ Parkinson hija kundizzjoni fil-moħħ li tikkawża movimenti mhux intenzjonati jew inkontrollabbli, kif ukoll rogħda, rigidita, ebusija, u diffikultà fil-bilanċ u l-koordinazzjoni.
Minkejja l-isfidi kollha li ġġib magħha din il-kundizzjoni, ta’ kuljum Carmen tipprova taffronta l-ġurnata b’kuraġġ. Minn xħin tqum filgħodu, tagħmel l-almu kollu tagħha biex tkun pożittiva.
Carmen tgħid, “Jien il-motto tiegħi, filgħodu: it’s another day, ipprova agħmel l-aħjar li tista’, għaġġla ma għandniex għax m’għandix min jikkmandani, u fejn nasal nagħmel sinjal. I mean, life has to go on.”
Minkejja l-uġigħ li tħoss, ta’ kuljum tipprova tagħmel ix-xogħol tad-dar. Darbtejn fil-ġimgħa tmur l-Organizzazzjoni tal-Parkinson’s bl-isem ta’ Step Up For Parkinson’s. Il-fundatriċi ta’ din l-organizzazzjoni, Nathalie Muschamp, studjat kif permezz tal-mużika nies li jkollhom il-kundizzjoni ta’ Parkinson jistgħu jtebju ħajjithom.
Step up for Parkinson’s joffru terapija b’xejn permezz tal-moviment lill-pazjenti kollha. Carmen qalet li hemmhekk tiltaqa’ ma’ ħafna nies li jbatu mill-istess kundizzjoni, filwaqt li spjegat ukoll uħud mis-sintomi li hi tesperjenza.
Hija qalet, “Insibhom ta’ għajnuna kbira. Jiġifieri, għalija qishom familja oħra, u s-sintomi li nħoss huma li ma nxommx, ma norqodx – l-iżjed li norqod sagħtejn u nofs kuljum biss, jiġifieri daqshekk.”
Nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru bejn nosinhar u nofsillejl, fuq l-istazzjonijiet kollha – fosthom ONE – se ssir maratona ta’ ġbir ta’ fondi għal dawk li jbatu mill-marda ta’ Parkinson, bl-isem ta’ ‘Mad-Daqqa Niżfnu’. L-isem intgħażel għax mad-daqqa li tagħtihom il-Parkinson’s, dawn in-nies jirrikorru għaż-żfin bħala terapija, fost terapiji oħra.
Din id-darba għandhom bżonn l-għajnuna tal-pubbliku biex iwettqu x-xewqa tagħhom li jinfetaħ ċentru li fih ikunu jistgħu jingħataw is-servizzi meħtieġa.
Bħal Carmen, hawn diversi Maltin u Għawdxin li jbatu minn din il-kundizzjoni. Carmen tagħmlilhom kuraġġ.
Temmet tgħid, “Ma jaqtax qalbu. Mhux faċli għax hija diffiċli, speċjalment meta jkollok dawn is-sintomi u l-uġigħ, jiġifieri, tagħmel il-kuraġġ. Iġġieled miegħek innifsek u qatt tgħid kemm jiena żvinturata.”