L-impenn ta’ Malta biex tkompli tavvanza u tintegra l-ugwaljanza LGBTIQ fl-oqsma kollha tal-ħajja ġie rikonoxxut fir-rapport annwali ppubblikat nhar it-Tnejn mill-għaqda Ewropea ILGA-Europe.
Dan ir-rapport juri li matul is-sena 2022, Malta kompliet tagħmel passi sinjifikanti biex issaħħaħ id-drittijiet u l-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ. Ir-rapport iqis ix-xogħol li twettaq minn 54 pajjiż, u jagħti ħarsa speċifika lejn il-ħidma li saret f’pajjiżna favur l-ugwaljanza LGBTIQ.
Fost oħrajn jirrikonixxi l-kampanji ta’ għarfien u t-taħriġ lil diversi ħaddiema tas-servizz pubbliku. Fosthom ingħata taħriġ lill-edukaturi, lill-impjegati ta’ Identity Malta, lir-rekluti u lill-uffiċjali tal-pulizija.
Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll il-fatt li Malta neħħiet darba għal dejjem id-diskriminazzjoni kontra rġiel omosesswali fejn jidħol l-għoti tad-demm. L-għan ewlieni wara din il-bidla hu li kull min jixtieq jagħti d-demm mhux se jibqa’ jiġi diskriminat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, iżda kulħadd se jiġi trattat l-istess.
Ġie nnotat ukoll li s-sena li għaddiet kienet organizzata l-ewwel Pride March f’Għawdex, u li Malta se tospita l-Europride f’Settembru li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjon u qalet li dan ir-rapport huwa prova ċara ta’ kemm pajjiżna qed jaħdem favur soċjetà aktar ġusta u ugwali. Barra minn hekk, qalet li pajjiżna kiseb ħafna f’dawn l-aħħar snin, imma l-fatt jibqa’ li għad fadal ħafna aktar xi jsir biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ fil-ħajja ta’ kuljum.
Għaldaqstant, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tielet strateġija nazzjonali għall-ugwaljanza LGBTIQ, bl-iskop li tiġi mnedija aktar tard din is-sena.
“Ir-rapport tal-ILGA Europe juri vjaġġ ta’ kburija nazzjonali li skatta minn gvern Laburista. Nibqgħu impenjati biex indaħħlu aktar riformi favur soċjetà ta’ mħabba fejn ngħożżu lil xulxin, ikunu x’ikunu l-għażliet personali tal-individwu,” qalet is-segretarju parlamentari.
👏 Malta 🇲🇹 recognised for strengthening #LGBTIQ equality in all sectors by @ILGAEurope‘s annual report. #LGBTIQrights🏳️🌈🏳️⚧️ #Malta #equality
— Rebecca Buttigieg 🏳️🌈🏳️⚧️ (@r_buttigieg) February 20, 2023