Nhar il-Ħamis huwa Jum Dinji Tal-Qalb.
Is-Soċjetà Maltija tal-Qalb qed tfakkar dan il-jum billi tħeġġeġ ‘l-Gvern, lill-politiċi, lis-soċjeta ċivili u lil-poplu inġenerali jiġġieldu lil mard tal-qalb preventibli.
Il-mard kardjovaskolari huwa l-kawża prinċpali tal-imwiet fil-pajjiżi żviluppati, inkluża Malta. Huwa wkoll responsabbli għat-telf ta’ bosta siegħat ta’ xogħol kif ukoll ta’ spiża għolja fil-kura tas-saħħa.
Fl-aħħar 20 sena mietu aktar minn 1,300 Malti u Maltija (bejn wieħed u ieħor 60 ruħ fis-sena) taħt il-65 sena f’età b’attakki tal-qalb. L-imwiet prematuri joħolqu piż ekonomiku u soċjali għoli fuq is-soċjeta tagħna. Mard tal-arterji koronarji, li jikkawża l-attakki tal-qalb, f’bosta każi jista’ jkun evitat.
Malta investiet bi kbir fil-kardjoloġija u l-kirurġija tal-qalb matul dawn l-aħħar snin, biex tingħata kura fil-mard tal-qalb. Madankollu l-prevenzjoni primarja hija irħas u aktar effettiva milli tittratta mard diġa stabbilit. Aħna nħeġġu azzjoni u leġislazzjoni aktar qawwija biex nipprevjenu li ż-żgħażagħ jibdew ipejjpu. Għandhom jittieħdu passi b’saħħithom għall-kontroll tar-reklamar tal-ħlewwiet u tax-xaħam mhux saturat immirat lejn it-tfal. Fl-iskejjel għandha tingħata aktar importanza lill-eżerċizzju u l-isports, faċilitajiet sportivi għandhom ikunu għad-dipożizzjoni tan-nies f’kull lokalita.
Is-Soċjetà Maltija tal-Qalb ħeġġet lill-poplu inġenerali biex jiċċekkja l-pressjoni, l-livelli taz-zokkor u tal-kolesterol biex ikun żgur li qegħdin taħt kontroll.
Bl-użu tas-servizz għall-waqfien mit-tipjip izzid il-possibilita ta’ suċċess illi dak li jkun jaqta t-tipjip. Nirrikomandaw ukoll l-eżerċizzju regolari, għax dan ukoll inaqqas il-possibilità tal-mard tal-qalb.
Bħala parti mill-attivitajiet tal-konferenza tas-Soċjeta Maltija tal-Qalb ta’ din is-sena, ser ikun hemm programm edukattiv għal publiku fejn ser isiru taħdidied informattivi, testijiet taz-zokkor u tal-pressjoni kif ukoll open day tal-Cardiac Catheterisation Suite u tal-Cardiac Lab ġewwa l-Isptar Mater Dei il-Ħadd 23 ta’ Ottubru bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar.