Il-Youtuber famuż Vikkstar, li jismu proprju Vikram Singh Barn u li jagħmel parti mill-grupp ‘Sidemen’, għażel lil pajjiżna bħala l-post fejn jiżżewweġ, kif għadu kif għamel din il-ġimgħa lill-maħbuba tiegħu Ellie Harlow f’Villa Bighi fil-Kalkara.
Il-grupp ‘Sidemen’ hu meqjus minn bosta bħala wieħed mill-aktar gruppi popolari fuq il-midja soċjali, speċjalment maż-żgħażagħ u l-adoloxxenti, waqt li l-kontenut tagħhom hu segwit minn ’il fuq minn 100 miljun persuna madwar id-dinja kollha.
ONE News informat li fost id-diversi mistednin popolari li kienu preżenti wkoll fostna nhar l-Erbgħa filgħaxija, kien hemm membri oħrajn ta’ ‘Sidemen’, bħall-boxer KSI li hu wkoll sid tal-energy drink ‘PRIME’, li fl-aħħar xhur kiseb popolarità globali.
Persuna, li kienet preżenti għat-tieġ, qaltilna li t-tieġ, li s’issa għadu ma ngħata l-ebda pubbliċità, ma kienx wieħed kbir u l-maġġoranza tal-mistednin kienu ħbieb tal-qalba u qraba tal-koppja. Minkejja dan, ir-riċeviment kien mill-isbaħ u, bħala DJ innifsu, Vikkstar sab anke l-ħin biex idoqq u jkompli jallegra s-serata.
Mill-informazzjoni li għandu one.com.mt, il-mistednin kienu obbligati jiffirmaw dikjarazzjoni biex ma jagħtux kummenti lill-midja, minkejja dan jirriżulta li spikkaw diversi kummenti sbieħ mill-mistednin dwar il-“lejla maġika u eċċezzjonali” fl-sfond tal-veduta tal-Port il-Kbir.
Avolja kien hemm segretezza kbira li ċċirkondat l-avvenimenti, il-mistednin sabu diversi żgħażagħ li jistennewhom sas-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu bit-tama li jaraw u jieħdu xi ritratti magħhom, tant li bosta xerrduhom fuq il-midja soċjali.
Nifhmu li Vikkstar mistenni wkoll jesponi wħud mill-mumenti sbieħ tat-tieġ tiegħu fil-Kalkara fuq il-kanal ta’ ‘Sidemen’ fuq Youtube, xi ħaġa li tkompli tesponi s-sbuħija ta’ Malta fost il-miljuni kbar li jsegwuh kontinwament.
Il-grupp Sidemen:
ritratt: Michele Vella