“Hawnhekk qiegħed bi pjaċir nintroduċi lil Albert Degiorgio, li huwa l-fundatur u anke jirrappreżenta lil Malta YMCA Association. Il-kumplament tas-serata t-tajba, Albert u nħossni onorat.”
Dak li deher programm bħal tas-soltu ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon Nazzjonalista flimkien ma’ rappreżentant mill-għaqda mhux governattiva, YMCA, irriżulta li din il-persuna fil-fatt ma tirrappreżentax lil din l-għaqda.
Fil-programm fuq in-NET deher ċar li Albert Degiorgio ma għadux jifforma parti mill-għaqda msemmija għaliex meta l-preżentatur Roderick Agius staqsih fuq is-sitwazzjoni llum, Degiorgio beda jmur fil-passat.
Barra minn hekk fil-programm, dan is-suppost kelliem membru ta’ din l-għaqda, li tagħmel ġid kbir fis-soċjetà anke qal kliem li mhumiex xierqa.
Huwa mifhum li Albert Degiorgio huwa l-fundatur ta’ din l-għaqda, iżda mhuwiex President tal-għaqda, kif jgħid li huwa.
Huwa mifhum ukoll li Degiorgio jippreżenta business cards li huwa President tal-YMCA u anke saru rapporti mal-pulizija dwar dan.
Dan ikkonfermatu l-għaqda YMCA, li fuq il-midja soċjali ħarġet tgħid li dan ir-raġel, li mar jitkellem f’isimha ilu snin mhux parti iżjed minn din l-għaqda.
Qalet kif Degiorgio m’għandu l-ebda kariga fi ħdan din l-għaqda u ntqal kif il-YMCA ma kinitx infurmata b’dan il-programm.
Intqal kif il-YMCA ilha ħamsa u erbgħin sena taħdem ma’ dawk l-aktar vulnerabbli u atti bħal dawn jagħmlu ħsara lix-xogħol li sar tul is-snin.
Hawnhekk l-għaqda tennet li tistenna apoloġija pubblika mill-istazzjon Nazzjonalista.
Dan il-programm qajjem furur fl-Istamperija, tant li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino ħareġ ordni sabiex il-programm jitneħħa minn fuq is-sistema online u lanqas jidhru repetizzjonijiet tal-programm.
Kif jixhed dan is-sit, wieħed jista’ jara l-programmi kollha ta’ Kontra Kurrent jinsabu hemmhekk, iżda dak tad-disgħa u għoxrin ta’ Diċembru tneħħa minn hemmhekk.
Biss bħal ma jgħidu li d-dnub ma jorqodx, xi ħadd kellu kopja tal-programm.