M’għenunix biss waqt li kont residenti fix-xelter magħhom imma anki llum il-ġurnata, li ngħix għal rasi.
Kliem li saħqet fuqu Louise, omm ta’ erbgħa u għoxrin sena li madwar tmien snin ilu rċeviet l-aħbar li se jkollha titlaq minn taħt is-saqaf t’ommha u ħutha biex tgħix f’xelter provdut mill-organizzazzjoni mhux governattiva, YMCA.
Louise rrakkontat ma’ ONE News il-mument li wassal għal din il-bidla drastika, fejn waqt festa lokali f’mument ta’ bluha taż-żgħażija ħadet xi drogi.
Hija stqarret: “Pruvajthom ta’ tifla li kont u ma spiċċajtx tajjeb. Mort id-dar, il-mamà ratni f’dak l-istat li kont u ma riditx iżżommni d-dar. Ċemplet lil probation officer għax dak iż-żmien kont taħt probation order. Ġiet il-probation officer id-dar u għamlitilna karta biex jien noqgħod ġo home sakemm ikolli tmintax.”
Hi qaltilna kif ħassitha l-mument li sabet ruħha fix-xelter tal-YMCA: “Ħassejtni veru ħażin. Kienet xi ħaġa differenti li rrid noqgħod ma’ nies li ma nafx carers li ma nafx u li jridu jieħdu ħsiebek. Veru ħassejt ħafna dwejjaq. Ma kinitx xi ħaġa sabiħa li filli qiegħda d-dar m’ommi u ma’ ħuti, filli rrid inqatta’ l-kumplament ma’ nies li lanqas biss nafhom deħlin u ħerġin.”
Għal Louise, il-mument li saret taf li kienet tqila bl-ewwel wild tagħha kien sinifikanti.
Hija sostniet: “Għeni ħafna biex inkun il-mara li jien illum. Kieku ma nafx x’kien jiġri dak iż-żmien, kieku ma kellix lilu. Ħajti kienet, ma kienx fiha sens qisni jekk nagħmel xi ħaġa ma nagħtix kas x’se jiġri wara imma bit-tifel kienet differenti, jekk ħa nagħmel xi ħaġa rrid naħseb għax hemm it-tifel fuq xiex naħseb għall-konsegwenzi ta’ wara fhimt.”
Għal Louise kif ukoll għal binha mnalla kienet il-YMCA li ħeġġitha u tatha l-opportunità biex tagħmel kors fil-qasam tas-sbuħija biex tqum fuq saqajha u tibdel ħajjitha mil-lejl għan-nhar.
Louise saħqet: “Jgħinuk biex inti meta toħroġ minn hemmhekk kemm ħriġt u mort għall-agħar anzi huma jgħinuk biex timxi iktar ‘il quddiem. ”
YMCA hija organizzazzjoni li tagħmel ħilitha biex tgħin persuni fis-soċjetà li jkollhom diversi sfidi f’ħajjithom u riċentament, l-organizzazzjoni rċeviet miljun u nofs ewro f’għajnuna mill-Gvern biex tibqa’ toffri servizzi professjonali lin-nies.