L-għaqda YMCA ser ittella’ festival mużikali bil-għan li tiġbor fondi sabiex tkun tista ssaħħaħ proġetti li bihom jistgħu jiġu megħjuna diversi nies vulnerabbli.
Fost is-servizzi tagħha, il-YMCA tieħu ħsieb faċilità residenzjali li ġġib l-isem ta’ Dar Niki Cassar. Hawnhekk il-YMCA takkomoda bejn wieħed u ieħor ħamsa u għoxrin reżident kuljum li jinkludu żagħzagħ, adulti u saħansitra familji sħaħ bit-tfal. Filwaqt li dawn jistkennu f’dan ix-xelter, il-YMCA tgħinhom iqumu fuq saqajhom sabiex finalment ikunu jistgħu jimxu lejn għajxien indipendenti.
Il-festival se jkun qiegħed jittellà minn voluntiera ta’ età relattivament żgħira li huma attivi mal-YMCA u se jsir fl-24 u l-25 ta’ Marzu ta’ din is-sena stess mit-3pm sal-11pm ġewwa l-Maori, il-Belt Valletta. Hawnhekk tistgħu ssibu ħolqa għall-avveniment li persuna tista taċċessah permezz ta’ Facebook: https://www.facebook.com/events/194051791368816/
Apparti d-diversi artisti Maltin li diġà qiegħdin imniżżlin fuq is-sit ta’ Facebook, il-pubbliku jista jistenna diversi artisti oħrajn li għal issa isimhom ser jibqa mistur għall-effett sorpriża.
Il-YMCA u l-membri tagħha jixtiequ jħeġġu lil kulħadd sabiex jipparteċipaw f’avvenimenti ta’ karità bħal dawn mhux biss permezz ta’ flus iżda anke b’għajnuna fiżikali u morali kemm ġo Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Id-Dinja hija waħda; u anke aħna hekk irridu nkunu: magħqudin ilkoll flimkien daqs li kieku aħna persuna waħda.