Is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu Zurab Pololikashvili nnota l-pjan ta’ rkupru għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.
B’referenza għall-inċentivi u l-għajnuna li qed jingħataw in-negozji fis-settur turistiku, fuq Twitter, is-Segretarju Ġenerali tal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti qal li jinsab sodisfatt b’dak li qed tagħmel Malta.
Semma kif ir-riżorsi meħtieġa, strateġiji innovattivi u anki l-programm b’saħħtu ta’ tilqim huma lkoll ingredjenti għal suċċess fil-pjan ta’ rkupru għat-turiżmu.
Fost l-iskemi li tħabbru mill-Gvern Malti hi għotjiet lit-turisti li joqogħdu fil-lukandi u anki guesthouses fost oħrajn.
Hemm ukoll inċentivi mmirati għal niċeċ differenti biex pajjiżna jibda jiġbed it-turisti b’mod sigur u sostennibbli mill-ewwel ta’ Ġunju.
Fost in-niċeċ li se jgawdu mill-inċentivi hemm dik tal-għadis.
Intant fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo laqa’ dawn il-kummenti u sejjaħ dan bħala ċertifikat għall-pjan ta’ rkupru għat-turiżmu li nieda l-Gvern Malti fl-aħħar ġimgħat.